It-Trattament għal Pazjenti Eċċezzjonali u Named Patient

L-Iskema ta’ Pazjenti Eċċezzjonali u Named Patient

Din l-Iskema tnediet fl-2015 bil-ħsieb li tiffaċilita l-aċċess tal-pazjenti għat-trattament li jaqa’ taħt l-iskema ta’ Pazjenti Named Patient biex ikunu jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom mill-ispiżerija tal-komunità tal-għażla tagħhom minflok mill-ispiżeriji tal-isptarijiet.

L-Ipproċessar ta’ Formoli ta’ Talba għal Trattament Eċċezzjonali

Hemm każijiet eċċezzjonali fejn pazjent ikun jeħtieġ trattament li ma jkunx fil-formularju tal-gvern u għalhekk ma jkunx maħżun bħalma jkunu normalment it-trattamenti l-oħra. Madankollu tista’ ssir applikazzjoni għal kwalunkwe trattament mhux fil-formularju jekk ikun hemm raġuni valida. Talbiet bħal dawn jimtlew meta l-medikazzjoni mitluba ma tkunx immappjata taħt il-kundizzjoni kronika tal-pazjent.

Min jippreskrivi jimla l-formola tat-talba għal trattament mediċinali eċċezzjonali, li trid tiġi ffirmata wkoll miċ-Chairman tad-dipartiment mediku rispettiv u mbagħad l-applikazzjoni tintbagħat lid-DPA (Dipartiment għall-Affarijiet Farmaċewtiċi) għal konsiderazzjoni, fejn il-bord jiddeċiedi. Wara l-approvazzjoni mid-DPA, it-talba mbagħad tiddaħħal fid-database SCHV u d-dokument jiġi maħruġ. Id-dokument huwa regolat minn permess li jrid jiġġedded permezz tal-istess proċess kif ġie approvat. Bidliet fid-doża huma regolati wkoll bl-istess proċess.

Il-mediċina imbagħad tiġi ordnata fuq bażi ta’ Named Patient u b’hekk l-istokk jiġi ordnat speċifikament għal dak il-pazjent. Peress li hemm numru ta’ mediċini għaljin f’din il-fergħa, jiġu segwiti proċeduri aktar stretti. Tikketta speċifika għall-pazjent tinħareġ permezz tas-Sistema tal-ICT tat-Taqsima tal-POYC u titwaħħal fuq kull pakkett speċifiku tal-pazjent sabiex jiġi żgurat li t-trattament jasal għand il-benefiċjarju intenzjonat tiegħu fil-ħin.