L-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) tikkoordina u tiskeda d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali elenkati fuq il-Lista Formularja tal-Gvern (GFL), kif ukoll Oġġetti Mediċi Eċċezzjonali lil 233 spiżerija komunitarja madwar Malta u Għawdex, li jservu madwar 185,000 pazjent. Dan is-servizz jippermetti lill-pazjenti eliġibbli jiġbru l-intitolament tagħhom mill-ispiżerija komunitarja tal-għażla tagħhom, u b’hekk jiżgura aċċessibilità u konvenjenza akbar. Barra minn hekk, il-POYC tiddistribwixxi wkoll prodotti mediċinali akuti lil tliet Spiżeriji tal-Gvern fil-Furjana, Raħal Ġdid u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex dawn jingħataw lil detenturi tal-karta roża (permezz tat-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali KAP.318).